Is-Sibt filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, nediet edizzjoni oħra tal-esebizzjoni artistika Art4MCCF, b’risq il-Malta Community Chest Fund (MCCF), fil-Palazz Presidenzjali l-Belt Valletta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena, li hija l-ħames waħda fil-format ta’ esebizzjoni kkurata, għandha t-tema The (In)Visible Self u tlaqqa’ 48 artist Malti u internazzjonali, li taw donazzjoni tal-arti tagħhom, bil-qligħ tagħhom imur għall-MCCF.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono esprimiet l-apprezzament tagħha lejn l-artisti li qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni ta’ Art4MCCF, u li permezz tat-talent u l-kreattività tagħhom qed jagħtu kontribut konkret b’risq dawk li jeħtieġu l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. Hija osservat kif permezz ta’ din l-inizjattiva, l-arti mhux biss isservi bħala mezz biex jitwasslu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tal-artisti, iżda qed titwassal ukoll espressjoni ta’ solidarjetà, hekk kif dawn l-artisti, kollha b’realtajiet differenti, ngħaqdu għal għan wieħed, dak li jgħinu lil ħaddieħor.
Il-President innutat ukoll, li għall-ewwel darba, f’Art4MCCF ġew inklużi xogħlijiet artistiċi minn residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hija qalet li din il-parteċipazzjoni twassal messaġġ importanti ta’ inklużjoni, filwaqt li tfakkar li wara dak li jidher minn barra hemm dejjem bniedem bl-esperjenzi, il-ħsibijiet, il-kapaċitajiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Il-wirja tinkludi wkoll xogħlijiet ta’ artisti li llum m’għadhomx magħna, u b’hekk tagħti spazju lill-wirt artistiku li ħallew warajhom. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu esebiti bħala parti mill-esebizzjoni, iżda mhumiex għall-bejgħ.
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-kumitat organizzattiv ta’ Art4MCCF, immexxi mis-Sur Lawrence Pavia, kif ukoll lill-artisti kollha li qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.
L-esebizzjoni hija kkurata minn Melanie Erixon u apparti artisti minn Malta, qed tara oħrajn ġejjin mill-Indja, miċ-Ċina, mir-Renju Unit, mill-Panama, mill-Ungerija, minn Spanja, mill-Ekwador u anke mill-Islovakkja.
Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, mit-Tnejn 12 ta’ Ottubru sal-Ħadd 25 ta’ Ottubru, bid-dħul ikun minn Triq il-Merkanti. Il-wirja tkun miftuħa bejn l-10am sas-1pm u l-4pm sas-6pm.
Il-pubbliku jista’ wkoll jaċċessa l-katalgu diġitali fuq art4mccf.mt.
Għal aktar informazzjoni segwi hawn: https://facebook.com/events/s/the-invisible-self/1616543689661477/